News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

26/02/2013

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – ir-Raba’ Ħarġa tal-2012

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r‑raba' ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2012, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tielet trimestru tal‑2012. Ir‑Rivista tinkludi artiklu qasir dwar ir‑rwol tal‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja li ġie stabbilit mill‑Bank u mill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Ir‑Rivista tinkludi wkoll id‑diskors li għamel il‑Gvernatur matul l‑Ikla Annwali riċenti tal‑Institute of Financial Services - Malta, kif ukoll deskrizzjoni qasira dwar il‑metodu li juża l‑Bank biex ibassar l‑inflazzjoni.

Rigward l‑orjentament tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema, ir‑Rivista tinnota li, wara li f'Lulju baxxa r‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MRO) b'25 punt bażi, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħalla r‑rata l‑istess, jiġifieri 0.75%, għall‑bqija tal‑2012. Id‑deċiżjoni li ma jsirux bidliet fir‑rati tirrifletti l‑aspettattivi li l‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro se tibqa' konformi mal‑għan tal‑BĊE li tinżamm l‑istabbiltà fil‑prezzijiet fuq żmien medju.

Fit‑tieni nofs tal‑2012, l‑Eurosistema kompliet timplimenta miżuri monetarji straordinarji maħsuba l‑aktar biex jassiguraw li d‑deċiżjonijiet dwar il‑politika monetarja jkunu trasmessi b'mod effettiv lill‑ekonomija taż‑żona tal‑euro. F'Settembru, il‑Kunsill Governattiv iddeċieda dwar il‑modalitajiet li se jintużaw sabiex isiru Outright Monetary Transactions (OMT) fi swieq sekondarji għal bonds maħruġin minn pajjiżi taż‑żona tal‑euro, u li huma suġġetti għal kundizzjonijiet stretti.

Ir‑Rivista tinnota li l‑iżviluppi ekonomiċi fil‑pajjiżi industrijali ewlenin barra ż‑żona tal‑euro kienu mħallta fit‑tielet trimestru tal‑2012. L‑espansjoni żammet ir‑ritmu b'mod ġenerali fl‑Istati Uniti imma l‑attività battiet sew fil‑Ġappun u, b'mod inqas, fl‑ekonomiji ewlenin emerġenti tal‑Asja.

Matul it‑tielet trimestru tal‑2012, l‑attività ekonomika fiż‑żona tal‑euro ċkienet b'0.6% mis‑sena ta' qabel, minħabba tnaqqis fid‑domanda domestika. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) aċċellerat minn 2.4% f'Ġunju għal 2.6% f'Settembru, l‑aktar minħabba żieda fil‑prezzijiet tal‑enerġija. Madankollu, il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet baqgħu mrażżna. Sadattant, il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol komplew jiddeterjoraw, bir‑rata tal‑qgħad tikber għal 11.6% f'Settembru.

Skont it‑tbassir tal‑istaff tal‑Eurosistema ppubblikat f'Diċembru 2012, ir‑rata tat‑tkabbir annwali tal‑Prodott Domestiku Gross (PDG) fiż‑żona tal‑euro kienet mistennija tkun bejn ‑0.6% u ‑0.4% fl‑2012, u bejn ‑0.9% u 0.3% fl‑2013. It‑tkabbir fil‑PDG reali kien imbagħad mistenni li jirkupra għal bejn 0.2% u 2.2% fl‑2014. Ir‑rata annwali medja tal‑inflazzjoni taż‑żona tal‑euro kienet mistennija tonqos minn 2.5% fl‑2012 għal bejn 1.1% u 2.1% fl‑2013 u bejn 0.6% u 2.2% fl‑2014.

F'Malta, it‑tkabbir annwali tal‑PDG reali aċċellera għal 1.9% matul it‑tielet trimestru tal‑2012, minn 1.3% fit‑trimestru ta' qabel. Kemm l‑esportazzjoni netta kif ukoll id‑domanda domestika taw kontribut għal dan it‑tkabbir, bid‑domanda domestika tirrifletti żidiet fil‑konsum tal‑gvern u, b'mod inqas, fl‑investiment.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni HICP immoderat matul it‑trimestru kopert f'din ir‑Rivista, u naqset għal 2.9% f'Settembru minn 4.4% f'Ġunju. Dan it‑tnaqqis kien dovut għal żviluppi fil‑prezzijiet tas‑servizzi, partikolarment tnaqqis fil‑prezzijiet tal‑akkomodazzjoni fil‑lukandi. F'Diċembru, ir‑rata kienet 2.8%.

Imqabbla ma' sena qabel, l‑impjiegi komplew jiżdiedu matul it‑tielet trimestru tal‑2012. Madankollu, minħabba żieda iktar qawwija fil‑provvista tal‑ħaddiema, ir‑rata tal‑qgħad żdiedet għal 6.6% minn 6.2% fl‑istess perjodu tal‑2011.

L‑indikaturi tal‑kompetittività tal‑prezzijiet għat‑tielet trimestru baqgħu mħalltin. L‑indikatur armonizzat tal‑kompetittività żdied mil‑livell ta' Ġunju f'termini nominali, filwaqt li l‑istess indikatur naqas f'termini reali. It‑tkabbir fl‑ispiża ta' kull unità ta' xogħol, imkejla bħala moving average fuq erba' trimestri, aċċellera għal 3.4% f'Settembru minn 2.5% f'Ġunju.

Sadattant, il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti baqa' pożittiv. Madankollu, dan il‑bilanċ ċkien meta mqabbel mal‑istess perjodu fl‑2011, minħabba żviluppi fil‑kont tad‑dħul u żbilanċ akbar fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija. B'kuntrast għal dan, kien hemm titjib fil‑bilanċ kemm tas‑servizzi kif ukoll tat‑trasferimenti kurrenti. Minħabba f'hekk, il‑bilanċ pożittiv tal‑kont kurrenti naqas għal 0.2% tal‑PDG fl‑erba' trimestri sa Settembru minn 2.1% fl‑erba' trimestri sa Ġunju.

Il‑kontribut tal‑istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Maltin għall‑aggregat monetarju sħiħ taż‑żona tal‑euro kompla jaċċellera fil‑perjodu kopert. Madankollu, id‑depożiti miżmuma minn residenti Maltin, kif ukoll is‑self mogħti lilhom, żdiedu b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbel mat‑trimestru ta' qabel. B'hekk  f'Settembru, ir‑rati annwali tat‑tkabbir laħqu 5.7% u 3.8%, rispettivament. 

Fir‑rigward tas‑swieq finanzjarji domestiċi, ir‑Rivista tinnota żieda fir‑redditi fuq il‑bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur. Min‑naħa l‑oħra, kien hemm tnaqqis fir‑redditi fuq il‑bonds tal‑gvern li għandhom perjodu ta' maturità ta' għaxar snin, filwaqt li l‑prezzijiet tal‑ishma żdiedu. Matul it‑trimestru ta' wara, kien hemm tnaqqis fir‑rati tal‑imgħax tas‑suq monetarju lokali u fir‑redditi fuq bonds tal‑gvern, filwaqt li l‑ishma komplew jirkupraw.

Fl‑analiżi tas‑sitwazzjoni fiskali, ir‑Rivista tosserva li d‑defiċit tal‑gvern ġenerali żdied fuq bażi annwali fit‑tielet trimestru, hekk kif l‑infiq kien akbar mid‑dħul. Imkejjel bħala moving average fuq erba' trimestri, id‑defiċit kien ta' 3.1% tal‑PDG fl‑aħħar ta' Settembru, imqabbel ma' 2.7% fl‑aħħar ta' Ġunju. Madankollu, id‑dejn tal‑gvern ġenerali naqas għal 73.1% tal‑PDG f'Settembru.

Ir‑Rivista tippreżenta wkoll it‑tbassir ekonomiku l‑aktar riċenti tal‑Bank, li kien komplut f'Novembru 2012. Skont dan it‑tbassir, it‑tkabbir fil‑PDG reali kien mistenni li se jkun 1.0% fl‑2012, imma għandu jiżdied bi ftit għal 1.1% fl‑2013, hekk kif jirkupraw il‑konsum privat u l‑investiment. Ir‑rata medja tal‑inflazzjoni HICP hija mistennija li tinżel għal 2.4% fl‑2013, minħabba żieda b'pass inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet tal‑ikel u tnaqqis fil‑prezzijiet tal‑enerġija. Ir‑riskji fit‑tbassir tat‑tkabbir ekonomiku, kif ukoll fil‑prospetti tal‑inflazzjoni, jidhru li huma bilanċjati b'mod ġenerali.

Minn perspettiva ta' politika, il‑Bank jenfasizza li, mill‑aspett fiskali, it‑trażżin tal‑infiq huwa neċessarju sabiex ikompli l‑progress biex jintlaħaq baġit strutturali bilanċjat, li jippermetti tnaqqis aktar mgħaġġel fil‑proporzjon tad‑dejn. Kemm l‑istabbiltà tal‑prezzijiet kif ukoll id‑dixxiplina fiskali huma elementi importanti għat‑tkabbir ekonomiku sostenibbli. 

Ir-raba’ ħarġa tar-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur għall-2012 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju