Europa Programme 2008 bit-tema ‘Wirt Kulturali’ ‑ Auberge de Castille
2008
|
Europa Programme 2008 bit‑tema 'Wirt Kulturali'
|
Auberge de Castille
|
|
|
Fl‑2008, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita numiżmatika tal‑fidda u oħra tad‑deheb bħala parti mill‑Europa Programme 2008 bit‑tema 'Wirt Kulturali'. Fuq quddiem tal‑muniti jidhru l‑arma ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2008, filwaqt li fuq wara tidher il‑loġġa tal-Auberge de Castille.
Meta l‑Ordni ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm ittrasferiet il‑kwartieri ġenerali tagħha mill‑Birgu għall‑belt il‑ġdida msejħa Valletta wara l‑Assedju l‑Kbir tal‑1565, kienet ħaġa naturali li wara t‑tlestija tas‑swar tal‑belt, l‑Ordni tieħu ħsieb tibni l‑bereġ, jew alloġġi, għall‑kavallieri li kull wieħed minnhom kien jappartjeni għal waħda mit‑tmien Langues. Wieħed minn dawn l‑alloġġi kien il‑Berġa ta' Kastilja, Leon u l‑Portugall.
Id‑disinn tal‑bini oriġinali, li jmur lura għall‑1574, kien fdat f'idejn Girolamo Cassar, l‑arkitett famuż Malti li dak iż‑żmien kien fis‑servizz tal‑Ordni. Is‑sit magħżul kien partikolarment prominenti, fuq l‑ogħla parti tan‑naħa tal‑art tal‑Belt Valletta, b'veduta ta' parti estensiva tal‑gżira.
Iżjed tard, il‑Gran Mastru Portugiż Emanuel Pinto de Fonseca, li kien affaxxinat mill‑grandjożità, u fil‑fatt kien inkluda kuruna magħluqa fl‑istemma araldika tiegħu, qies li l‑bini oriġinali ma kienx jixraq lill‑importanza tal‑Langue tiegħu. Għalhekk iddeċieda li dan il‑bini kellu jitkabbar u jissebbaħ. Skont riċerka reċenti, il‑proġett ġie fdat f'idejn l‑arkitett Andrea Belli u tlesta fl‑1744.
Ir‑riżultat tad‑deċiżjoni ta' Pinto jista' jiġi ammirat fil‑faċċata simmetrika preżenti, eżempju eċċellenti ta' arkitettura barokka u, bla dubju, l‑aktar stupenda fost il‑bereġ. Partikolarment impressjonanti hu l‑bieb imponenti tagħha, b'erba' kolonni fuq il‑ġnub u b'ġabra dekorattiva, rikka u varjata, ta' elementi militari u bnadar; fuq dan kollu hemm il‑bust tal‑Gran Mastru Pinto. Bħalissa l‑Berġa ta' Kastilja, kif hi popolarment magħrufa, tospita l‑Uffiċċju tal‑Prim Ministru.
|
Tip
|
Denominazzjoni
|
Dijametru (mm)
|
Piż Gross (g)
|
Finezza
|
Disinjatur
|
Zekka
|
Stampar
|
Fidda Proof
|
€10
|
38.61
|
28.28
|
0.925
|
Royal Dutch Mint
|
Royal Dutch Mint
|
18,000
|
Deheb Proof
|
€50
|
21
|
6.5
|
0.916
|
Royal Dutch Mint
|
Royal Dutch Mint
|
3,000
|