Fl‑2004, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita tal‑fidda f'verżjoni proof, li hija r‑raba' munita kommemorattiva fis‑serje ta' muniti li jfakkru Personalitajiet Distinti Maltin. Din il‑munita tfakkar lill‑pittur Giuseppe Calì li għex bejn l‑1846 u l‑1930. Fuq quddiem tal‑munita jidhru l‑arma ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2004. Fuq wara jidhru x‑xbieha ta' Giuseppe Calì flimkien mas‑snin tat‑twelid u l‑mewt tiegħu (1846‑1930), u l‑kliem Giuseppe Calì ‑ Pittur.
Giuseppe Calì twieled il‑Belt Valletta fl‑14 ta' Awwissu 1846. Fl‑età bikrija ta' sbatax‑il sena, Giuseppe Calì kompla jistudja, bi spejjeż ta' Guglielmo Eynaud, fl‑Accademia di Belle Arti ġewwa Napli. Hemmhekk sar ħabib tal‑artist Domenico Morelli, esponent stabbilit tan‑Naturaliżmu, u anke tgħallem dwar ir‑Romantiċiżmu. Iż‑żewġ influwenzi huma evidenti fil‑fażi bikrija tal‑produzzjoni artistika tiegħu ‑ b'mod partikolari fl‑ewwel xogħol ewlieni tiegħu, Il‑Mewt ta' Dragut (1867), imwettqa wara r‑ritorn tiegħu mill‑Accademia, li mbagħad kienet akkwistata mill‑Gvern u mqiegħda għall‑wiri permanenti fl‑Armerija tal‑Palazz.
Calì ħadem bla heda u l‑produzzjoni tiegħu kienet enormi. It‑talent artistiku ta' ħajtu hu kompost minn aktar minn 600 xogħol, magħmula minn varjetà impressjonanti ta' pitturi, tpinġijiet, bozzetti, xbihat u anke dekorazzjoni tas‑soqfa tal‑knejjes, kif ukoll xi skulturi u litografiji, li kollha kemm huma juru element xieraq ta' improvizzazzjoni u paletta meraviljuża ta' kuluri jgħajtu.
Numru ta' knejjes f'Malta jixhdu l‑versatilità u l‑padrunanza ta' Giuseppe Calì, l‑artist prolifiku u "fundatur tal‑iskola moderna tal‑pittura Maltija". Is‑soqfa tal‑knejjes ta' San Franġisk, (fejn hemm ix‑xogħol straordinarjament kbir The Apotheosis of St Francis) u ta' San Duminku fil‑Belt Valletta, u l‑knejjes parrokkjali ta' Bormla, il‑Birgu u ta' Ħal Lija, flimkien mal‑ankona tar‑Rotunda fil‑Mosta, huma ftit eżempji tax‑xogħlijiet tiegħu. Il‑pittura ankona tiegħu ta' San Ġlormu (1881) fil‑Knisja tas‑Sacro Cuor f'Tas‑Sliema hi ġeneralment meqjusa bħala l‑kapolavur tiegħu f'dan il‑ġeneru.
Mill‑istandards tal‑arti kontemporanja tal‑knisja f'Malta, il‑metodi artistiċi, il‑forom u l‑istil ta' Calì ppreżentaw kuntrast qawwi man‑norma neo‑klassika aċċettata dak iż‑żmien. L‑iktar xbihat importanti tiegħu jinkludu dawk tal‑Prim Imħallef Sir Adriano Dingli, il‑Gvernatur Sir Richard More O'Ferrall, ir‑Rettur tal‑Università Napoleone Tagliaferro, il‑Papa Piju IX, l‑Imħallef Paolo Debono, il‑Konti u l‑Kontessa Messina, u Lord u Lady Strickland. Giuseppe Calì miet ġewwa l‑Belt Valletta fl‑1 ta' Marzu 1930.
|