Currency

Serje ta’ personalitajiet distinti Maltin - Sir Adriano Dingli (1817-1900)

2003

Serje ta' personalitajiet distinti Maltin

Sir Adriano Dingli (1817-1900)

Sir Adriano Dingli

Fl‑2003, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita tal‑fidda f'verżjoni proof, li hija t-tielet munita kommemorattiva fis‑serje ta' muniti li jfakkru Personalitajiet Distinti Maltin. Din il‑munita tfakkar lil Sir Adriano Dingli, Prim Imħallef, li għex bejn l1817 u l-1900. Fuq quddiem tal-munita jidhru l-Arma tar-Repubblika ta' Malta u s-sena tal-ħruġ 2003. Fuq wara jidhru xbieha ta' Sir Adriano Dingli, flimkien mas‑snin tat‑twelid u l‑mewt tiegħu (1817-1900) u l-kliem "Sir Adriano Dingli  Prim Imħallef".

Sir Adriano Dingli twieled ġewwa l‑Belt Valletta fit‑8 ta' Ottubru 1817. Fl‑1836, Adriano kiseb id‑dottorat fil‑liġi fl‑età bikrija ta' dsatax‑il sena.

Wara li pperfezzjona l‑għarfien tiegħu tal‑lingwi u l‑liġi f'diversi universitajiet Ewropej, hu pprattika bħala avukat. Wara l‑għoti tal‑Kostituzzjoni lil Malta fl‑1849, hu kien elett fil‑Kunsill tal‑Gvern bħala rappreżentant għal Għawdex. L‑attività tiegħu f'dan il‑Kunsill ma damitx ma wriet il‑kapaċitajiet ta' oratorija u l‑għerf tiegħu għalkemm qatt ma kien involut f'polemiċi. Fl‑1854 ġie appuntat fil‑kariga prestiġjuża ta' Crown Advocate.

Matul iż‑żmien li okkupa l‑kariga ta' Crown Advocate hu wera b'mod ċar prinċipji ġuridiċi, partikolarment fl‑isfera tal‑liġi ċivili, billi abbozza u nieda l‑Liġijiet Ċivili ta' Malta fl‑1868 u fl‑1873 f'forma kkodifikata. Hu sar il‑Gvernatur de facto ta' Malta.

Bħala rikonoxximent tal‑merti tiegħu, sar Kumpann tal‑Ordni tal‑Bath u wara, fl‑1860, kompla jiġi onorat billi nħatar Knight Commander, u fl‑1868 Grand Commander, tal‑Ordni ta' San Mikiel u San Ġorġ. F'diversi okkażjonijiet ġie fdat li jirrappreżenta kemm il‑Gvern lokali u anke dak Imperjali fuq missjonijiet lil hinn minn xtutna, inkluż Ċipru fejn iċ‑Ċiprijotti talbu li hu jinħatar Civil High Commissioner. Hu wettaq dawn il‑missjonijiet bl‑aktar mod kompetenti u sodisfaċenti. F'dawn l‑attivitajiet kollha, u anke f'okkażjonijiet frekwenti meta l‑Gvern talab għall‑parir siewi tiegħu, l‑ispirtu patrijottiku tiegħu u s‑sens qawwi ta' social welfare kienu evidenti.

Fl‑1880 inħatar President tal‑Qorti tal‑Appell bit‑titlu ta' Prim Imħallef li kien tneħħa erbgħin sena qabel.

Sir Adriano miet fil‑25 ta' Novembru 1900. Monument b'bust tiegħu tal‑bronż magħmul minn Antonio Sciortino ġie mwaqqaf fil‑Mall tal‑Furjana, u kien mikxuf mir‑Re Edward VII fl‑1907.

Tip

Denominazzjoni

Dijametru (mm)

Piż Gross (g)

Finezza

Disinjatur

Zekka

Stampar

Fidda Proof

Lm5

38.61

28.28

0.925

Noel Galea Bason

Royal Mint, UK

2,000