Serje ta’ personalitajiet distinti Maltin - Enrico Mizzi (1885-1950)
2001
|
Serje ta' personalitajiet distinti Maltin
|
Enrico Mizzi (1885-1950)
|
|
Fl‑2001, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita tal‑fidda f'verżjoni proof bħala parti mis‑Serje ta' Personalitajiet Distinti Maltin. Din il‑munita tfakkar lil Enrico Mizzi, li għex bejn l‑1885 u l‑1950. Fuq in‑naħa ta' quddiem tal‑munita hemm l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2001, filwaqt li fuq in‑naħa ta' wara hemm xbieha ta' Enrico Mizzi, id‑dati tat‑twelid u l‑mewt tiegħu (1885-1950) u l‑kliem 'Enrico Mizzi ‑ Prim Ministru 1950'.
Enrico Mizzi, li twieled fl‑20 ta' Settembru 1885, kien iben politiku u patrijott ieħor, Fortunato Mizzi. Imrawwem f'ambjent politiku minn età żgħira u wara li ggradwa fil‑liġi fl‑1912, hu ddedika lilu nnifsu għall‑politika u kien elett fl‑1915 bħala kandidat għal Għawdex fil‑Kunsill tal‑Gvern.
Matul ħajtu, Enrico Mizzi ħadem ħafna sabiex iressaq 'il quddiem l‑identità nazzjonali Maltija. Minħabba li hu kien jitkellem kif jaħsibha dwar il‑kawża ta' nazzjonaliżmu, għalkemm qatt ma kien żleali, inħass ta' theddida għall‑interessi Brittaniċi u fl‑1917, waqt l‑Ewwel Gwerra Dinjija, għaddewh qorti marzjali taħt ir‑regolamenti ta' difiża ta' żmien il‑gwerra.
Mill‑1919 sal‑1932, hu ħadem bla heda sabiex imexxi aktar 'il quddiem il‑moviment nazzjonalista. Meta Malta ngħatat tmexxija awtonoma fl‑1921, Mizzi waqqaf il‑'Partito Democratico Nazionalista' u ġie elett fl‑Assemblea Leġiżlattiva. Fl‑1924 hu sar Ministru tal‑Agrikoltura u l‑Postijiet, u fl‑1932 inħatar Ministru tal‑Industrija u Kummerċ, u aktar tard Ministru tal‑Edukazzjoni. It‑twemmin patrijottiku tiegħu reġa' għal darb'oħra qajjem tħassib fil‑Gvern Ingliż matul it‑Tieni Gwerra Dinjija, u fl‑1942 ġie internat u eżiljat lejn l‑Uganda, fejn kellu jibqa' tul il‑gwerra. B'riżultat ta' dan, Enrico Mizzi ma setax jieħu postu fil‑Kunsill tal‑Gvern ta' dak iż‑żmien.
Meta rritorna mill‑eżilju, u hekk kif reġgħet ingħatat it‑tmexxija awtonoma fl‑1947, Enrico Mizzi ġġieled kemm felaħ biex jikseb mill‑ġdid l‑istatus politiku tiegħu. Is‑sens umli tiegħu ta' dedikazzjoni, l‑onestà u l‑integrità politika tiegħu kienu finalment rikonoxxuti f'Settembru 1950 meta kien elett għall‑kariga għolja ta' Prim Ministru. Hu żamm din il‑kariga għal tliet xhur biss għax miet f'Diċembru tal‑istess sena.
|
Tip
|
Denominazzjoni
|
Dijametru (mm)
|
Piż Gross (g)
|
Finezza
|
Disinjatur
|
Zekka
|
Stampar
|
Fidda Proof
|
Lm5
|
38.61
|
28.28
|
0.925
|
Noel Galea Bason
|
Royal Mint, UK
|
2,000
|